Internazzjonali

Abdullah al-Senussi kkonfermat fost is-suspettati dwar Lockerbie

Il-Gvern tal-Libja kkonferma l-ismijiet ta’ żewġt irġiel ‘ġodda’ li huma suspettati dwar sehem fl-isplużjoni tal-1988 li qerdet l-ajruplan tal-linja Pan-Am fuq il-belt Skoċċiża ta’ Lockerbie.

Wieħed mis-suspettati hu Abdullah al-Senussi, li hu ħaten l-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi, u li kien imexxi s-servizzi sigrieti tal-Libja taħt ir-reġim preċedenti. It-tieni suspettat jismu Mohammed Abouajela Masud li wkoll hu Libjan, waqt li hu magħruf bħala produttur tal-bombi.

Iż-żewġ suspettati indentifikati, fil-preżent, qed jiskontaw sentenzi ta’ ħabs fil-Libja li spiċċat fil-kaos waqt li l-gruppi armati rivali, flimkien maż-żewġ parlamenti – ta’ Tobruk u ta’ Tripli – qed jissieltu għall-kontroll tal-pajjiż. Fil-fatt, al-Senussi kien ikkundannat għall-mewt fil-Libja waqt proċess bil-qorti għall-eksmembri prominenti tar-reġim ta’ Gaddafi.

La Al-Senussi u lanqas Masud mhuma qed jinżammu mill-Gvern ta’ Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali u meta huma jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni ta’ Tripli li tgawdi l-appoġġ tal-Iżlamiċi.

Intant, il-qraba tan-nies li tilfu ħajjithom fl-isplużjoni ta’ Lockerbie esprimew sodisfazzjon għall-aħbar li prosekuturi Skoċċiżi u Amerikani jridu jinterrogaw liż-żewġ suspettati indikati. Il-prosekuturi, issa, talbu permess lill-awtoritajiet tal-Libja biex jagħmlu l-mistoqsijiet rilevanti lis-suspettati inkwistjoni fi Tripli.

Il-Libjan, Abdel Basset al-Megrahi, li miet fl-2012, hu l-unika persuna li qatt spiċċat ikkundannata dwar l-isplużjoni ta’ Lockerbie li swiet il-ħajja ta’ 270 persuna. Hu
kien baqa’ sal-aħħar jinsisti li hu innoċenti fil-konfront tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Sadanittant, Frank Duggan, il-President tal-grupp Pan Am 103 Relatives, qal li m’għandux fiduċja li jistgħu jsiru aktar prosekuzzjonijiet fil-każ ta’ Lockerbie.

L-investigazzjoni dwar Lockerbie dejjem baqgħet miftuħa għaliex il-pulizija u l-prosekuturi baqgħu jemmnu li Abdel Basset al-Megrahi ma aġixxiex waħdu fl-azzjoni terroristika. Fl-istess ħin, intensifikaw l-isforzi għall-identifikazzjoni ta’ suspettati oħrajn mindu r-rivoluzzjoni li għaddejja bħalissa fil-Libja fetħet għal sorsi oħrajn li qed jappoġġjaw din l-investigazzjoni.