Lokali

Aġġornata: Surġent Maġġur iweġġa’ wara daqqa ta’ ras mingħand immigrant irregolari

In-Niġerjan, Joy Inofe, kien immultat €800 u ngħata sentenza ta’ disa’ xhur priġunerija sospiża għal tliet snin wara li ametta li ta d-daqqa ta’ ras lis-Surġent Maġġur u kkaġunalu feriti ħfief. Mal-għoti tas-sentenza, l-immigrant irregolari talab ukoll skuża għal għemilu għax qal li kien bil-ġuħ.

Inofe kien akkużat ukoll li attakka lit-tliet Uffiċjali li kienu qed jeskortawh, li offendihom, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Jirriżulta li ftit qabel ma seħħ il-każ, barra l-bini tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, hu kien għadu kif ġie nfurmat li t-talba tiegħu għall-ażil ġiet miċħuda u għalhekk kien se jiġi deportat ix-xahar id-dieħel.

In-Niġerjan tressaq mill-Ispettur Daryl Luke Borg, filwaqt li l-Avukat Patrick Valentino deher għall-akkużat, bħala Avukat tal-Għajnuna Legali.

Aktar kmieni …

Surġent Maġġur tal-Pulizija sofra feriti f’wiċċu wara li kien aggredit minn immigrant irregolari li kien qed jiddaħħal f’vann tas-Servizz tad-Detenzjoni.

Il-każ seħħ ilbieraħ waranofsinhar barra l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija meta tliet Uffiċjali tal-Korp assistew żewġ Uffiċjali tad-Detenzjoni għax l-immigrant ma riedx jidħol fil-vann biex jittieħed lejn iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Hekk kif l-immigrant, ta’ 33 sena min-Niġerja, baqa’ jirreżisti li jiddaħħal fil-vann, it-tliet membri tal-Korp intervjenew biex jassistu. Kien f’dan il-waqt li l-immigrant irregolari ta daqqa ta’ ras lis-Surġent Maġġur u laqtu taħt għajnu l-leminija.

Il-membru tal-Korp ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, filwaqt li l-immigrant irregolari eventwalment ittieħed iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni. Hu mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.