Futbol Sport

“Assurd” li ġurnalisti u cameramen ma tħallewx jattendu konferenza tal-aħbarijeit tan-nazzjonal

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fi stqarrija wera’ solidarjeta’ mal-ġurnalisti membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u ma’ dawk barranin membri tal-AIPS Europe li lejliet il-partita internazzjonali Malta u Kroazja ma tħallewx jidħlu għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-kowċ nazzjonali Malti Pietro Ghedin.
“Huwa assurd il-fatt li sitt camerapersons u ħames ġurnalisti ma tħallewx jattendu għaliex waslu sekondi tard mill-ħin stipulat,” stqarr l-IĠM.
Ikompli li “dan l-incident itappan mhux ftit ir-relazzjoni tal-media ma’ entita’ ewlenija bħalma hi l-Malta Football Association.”
Fid-dawl ta’ dan l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, “f’ġieħ il-ħarsien tal-media jitlob spjegazzjoni immedjatja mill-MFA u minn min kien responsabbli u fl-istess waqt jagħti appoġġ għal kull azzjoni li l-GħĠS eventwalment tista’ tieħu.”
L-Istitut kompla li “dan huwa każ ieħor ma’ dawk li l-Unjoni tal-Ġurnalisti tal-Isport fl-Ewropa  qed issib quddiemha liema każ għandu jitqies bħala wieħed serju u jitressaq għad-diskussjoni fi ħdan l-ogħla awtoritajiet tal-media tal-isport internazzjonali.”