Ekonomija Lokali

Fejn tinsab il-viżjoni tal-Gvern?

Il-PN jemmen li l-Baġit kellu jkun wieħed illi jassigura li n-nefqa tal Gvern tkun sostenibbli filwaqt li joffri direzzjoni ekonomika. Malta għandha bżonn viżjoni strateġika ċara għas-snin li ġejjin.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bini tal-Parlament il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco fakkar li n-nefqa rikorrenti tal-Gvern qed tkompli tiżdied, l-aktar minhabba l-ammonti kbar ta’ persuni li qed jiddahhlu mac-civil.

Mill-Baġit joħroġ ukoll li l-vot kapitali għas sena id-dieħla se jonqos b’€125 miljun.

Dwar il prezz għoli tal-petrol u id-diesel, il-Viċi Kap Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed juża argument dgħajjef bi skuża biex izomm dawn il prezzijiet mill-pompi li huma aktar mill medja Ewropea. Dan qed iwassal ukoll biex iżid in-nefqa għal diversi negozji, u allura jnaqqar ukoll mill kompetittivita’ ekonomika tagħhom.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal illi n-negozji ż-żgħar, tal-ħwienet u self employed ma ssemmew xejn fil-Baġit li preżenta l-Ministru tal-Finanzi din il-ġimgħa.
Semma ukoll il-prezzijiet tal-fuels, u sostna li dawn huma daqqa għan-negozjanti li setgħu faċilment gawdew minn roħs reali. Arrigo qal li il bidliet fit-taxxa tad-dħul se jfissru biss €2 fil-ġimgħa iżjed għal dawk li se jibbenefikaw.

Anke id-deputat Kristy Debono tkellmet dwar il-bidla fit-tax bands. Hi sostniet li l-Baġit huwa ezempju car kif il gvern nesa il faxxa tal-middle class. Din il faxxa intlaqtet mill-bidliet fl-income tax, għaliex il-Baġit jippenalizza lill-middle class. U kien hawn li ġabet diversi eżempji ta kif in-nies se jintlaqtu minn dawn il-bidliet. Kristy Debono sostniet ukoll li l-Gvern abbaduna kull riforma solida għall-ekonomija.