Fil-Baġit 2016, li għadu kif tressaq mill-Gvern Laburista, il-ħaddiema kienu qed jistennew ħafna aktar miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, speċjalment wara l-ftaħir kollu li l-ekonomija sejra tajjeb u li beħsiebha tkompli tikber anke matul is-sena li ġejja.
Dan qalitu s-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN), li kompliet li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja ma tiswiex ħaqq vjaġġ ta’ sagħtejn fuq tal-linja. Dan hu kkunsidrat baxx meta wieħed iqis li l-prezzijiet tal-fuel u tal-elettriku se jibqgħu għoljin, minkejja t-talbiet li saru lill-Gvern.
L-SĦPN qalet li f’dan ir-rigward, kollox qed jiġi favur il-Gvern, li iżda mhux idawwarha din l-okkażjoni favur il-ħaddiem. Saħqet li r-roħs superfiċjali ta’ 3ċ u 4ċ fil-petrol u d-diesel hu daħka fil-wiċċ mill-Gvern, biex jgħid li raħħas il-fuel. L-SĦPN sostniet li kienet qed tistenna li l-prezz tal-petrol u d-diesel ikun viċin l-ewro kull litru, kif kienu fl-2009 meta l-prezz taż-żejt kien ferm aktar għoli mil-lum.
Dan minbarra l-profitt enormi li l-Gvern qed jagħmel mit-tariffi tal-elettriku, meta l-Gvern ma tax każ it-talba biex dan jorħos almenu bi 30% ħalli parti mir-roħs internazzjonali jgawdu minnu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Fl-istess waqt, l-SĦPN qieset ukoll bħala redikola ż-żieda ta’ 6ċ lill-istudenti, bil-Gvern jiftaħar li żied l-istipendji! Apparti minhekk, introduċa wkoll taxxa fuq il-fliexken tal-plastik, li żgur se taffettwa l-but ta’ kull familja Maltija.
Filwaqt li nnutat ukoll li m’hemm xejn konkret għas-soluzzjoni tat-traffiku, u ftit li xejn hemm jippromwovi t-tagħlim u t-taħriġ ta’ matul il-ħajja, l-SĦPN qalet li hi ħasra li hawn eluf għadhom qed jistennew impjieg mal-Gvern meta l-Gvern qed jara kif se jsib il-finanzjament għall-eluf ġodda li mpjega maċ-Ċivil.
Filwaqt li nnutat it-tnaqqis tal-VAT fuq servizzi sportivi, l-SĦPN ħeġġeġ lill-Gvern biex kollu li wiegħed jiġi attwat matul is-sena l-ġdida.
//= $special ?>