Ix-xogħol għall-attivita’ Ġenna ta’ Ġonna u Ħafna Aktar miexi ġmielu. Nhar il-Ħadd li ġej 18 t’Ottubru l-Kunsill Lokali tal-Floriana se jerġa’ jorganizza attivita’ li saret magħrufa ma’ dak kollu li toffri l-lokalita’ tal-Floriana. L-attivita’ Ġenna ta’ Ġonna u Ħafna Aktar tessebixxi tassew il-ħdura u l-fjur tal-ġonna li tħaddan din il-lokalita’ flimkien ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-istorja Maltija.
Fost il-ħafna ġonna li se jkun hemm miftuħin hemm dak tal-Mall, tal-Argotti, u ta’ San Filep, il-Ġnien tal-Milorda u dak tal-Msida Bastions li jagħtuk xeni mill-isbaħ tal-Port ta’ Marsamxett. Fuq in-naħa l-oħra tal-lokalita’ ma jonqsux il-ġonna magħrufin bħala dawk ta’ fuq is-sur li jtuk xeni mill-isbaħ u imprezzabli tal-Port il-Kbir.
Se jkun hemm attivita’ fil-qalba tal-lokal, minn Arti u storja tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju għal wirjiet ta’ vetturi antiki. Għal din l-attivita’ se jinfetaħ wkoll l-istazzjon ta’ taħt l-art tal-Ferrovija bi gwidi professjonali li se jdawru l-pubbliku mal-passaġġ ta’ dan it-trasport li kien jgħaqqad lill-Imdina mal-Belt Valletta.
Għalhekk il-Kunsill Lokali Furjaniż jħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal din l-attivita’ u jara minn perspettiva’ differenti il-ġmiel li tħaddan il-Floriana bħala lokalita’ Ġenna ta’ Ġonna.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana jfakkar li l-attivita’ tibda fid-09.00 filwaqt li tiġi fi tmiemha fl-16.00.
Biex issegwi l-filmat tista’ tagħfas hawnhekk.
Għall-attivita’ Ġenna ta’ Ġonna u Ħafna Aktar tista’ tagħfas hawnhekk.
//= $special ?>