Lokali

Il-Front ikompli jiddeplora n-nuqqas ta’ konsultazzjoni

Il-Front Ħarsien ODZ iddeplora n-nuqqas ta’ konsultazzjoni min-naħa tal-Gvern dwar l-iżvilupp li l-Gvern stess irid jagħmel fiż-Żonqor, f’Marsaskala. Għalhekk, il-Front Ħarsien ODZ qed jerġa’ jappella biex il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent jiltaqa’ ħalli jiddiskuti siti alternattivi għall-iżvilupp tal-Ġordaniżi fiż-Żonqor.

Fi stqarrija, il-Front reġa’ fakkar kif sal-lum il-ġurnata, il-Gvern għadu ma ppubblikax il-ftehim li għamel mal-Ġordaniżi, li se jibnu l-Università Ġordaniża fiż-Żonqor. Il-fatt li l-Gvern għadu ma ppubblikax dan il-ftehim, kompla jgħid il-Front Ħarsien ODZ, ikompli jqajjem is-suspetti dwar dan il-proġett u xi ftehim għamel il-Gvern mal-Ġordaniżi.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-Front ma jistax jifhem kif il-Gvern qed ikompli jinjora l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, anke b’rabta ma’ dak li qal il-Gvern f’Jum il-Budget, li l-iżvilupp propost fiż-Żonqor se jkompli kif kien ħabbar il-Prim Ministru stess qabel ma l-Parlament waqaf għall-vaganzi tas-Sajf.