Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea appoġġjaw pjan ta’ azzjoni, bis-sehem tat-Turkija, fost tamiet li dan il-pjan jgħin biex inaqqas il-mewġa tal-immigranti attwali lejn l-Ewropa.
L-aħħar żviluppi ħarġu mis-summit ta’ Brussell li għalih attendew il-Mexxejja tal-UE, iżda l-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin Feridun Sinirlioglu qal li l-ftehim għadu fil-forma ta’ abbozz u ma jitqiesx bħala patt uffiċjali. Il-Ministru tenna wkoll li l-miżuri finanzjarji proposti mill-UE ma kinux aċċettabbli.
Il-Kapijiet tal-Istat Ewropej qablu li jistimulaw taħditiet għal-liberalizzazzjoni tal-visas għat-Torok li jridu jżuru z-zona Schengen tal-Ewropa, bil-kundizzjoni li t-Turkija tikkontrolla l-influss ta’ immigranti. Il-Mexxejja huma lesti wkoll biex jixprunaw id-djalogu mat-Turkija għas-sħubija fl-UE jekk Ankara trażżan din il-mewġa ta’ nies.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li l-pajjiżi tal-Unjoni, bħalissa, qed jikkunsidraw it-talba tat-Turkija għal tliet biljun ewro f’għajnuna. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, min-naħa tiegħu, sostna li t-taħditiet dwar l-għajnuna mal-uffiċjali Torok għandhom ikomplu fil-jiem li ġejjin. Dan meta l-Kanċillier Merkel mistennija tivvjaġġa lejn it-Turkija fi tmiem il-ġimgħa.
Hu minnu li xi pajjiżi Ewropej, fosthom il-Greċja, Ċipru u Franza, huma kawti dwar ftehim mat-Turkija li jintlaħaq b’għaġla żejda. Dan minkejja li t-Turkija qed iżżomm maż-żewġ miljun immigrant, li ħafna minnhom qed jaħarbu mill-gwerra tas-Sirja.
S’issa, din is-sena, waslu kważi 600,000 immigrant fil-pajjiżi tal-UE li ħafna minnhom qed jivvjaġġaw mit-Turkija bl-iskop li jilħqu pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Iżvezja.
Fi żviluppi oħra, L-Ungerija ħabbret li se tagħlaq il-fruntiera mal-Kroazja qabel nofsillejl, u dan il-pass isegwi l-miżuri li kien ħa l-istess pajjiż fil-konfront tas-Serbja. L-Ungerija kienet destinazzjoni ewlenija għall-immigranti waqt il-kriżi attwali.
…Komplew l-imwiet tar-refuġjati fl-Ewropa
Waqt li kien għaddej is-summit fi Brussell, daħlu aktar rapporti dwar inċidenti traġiċi li jinvolvu lill-immigranti u r-refuġjati li qed jaslu l-Ewropa minn siegħa għal oħra.
F’inċident partikulari li seħħ ftit lil hinn mill-gżira Griega ta’ Lesbos mietu tal-anqas seba’ persuni, inklużi tfal, meta dgħajsa mgħobbija bl-immigranti li kienet qed tivvjaġġa mit-Turkija lejn l-Ewropa ħabtet ma’ bastiment tal-gwardjani tal-kosta tal-Greċja.
Id-dgħajsa tal-immigranti għerqet waqt li 31 persuna kienu salvati mill-baħar. L-awtoritajiet qalu li fl-inċident spiċċaw għerqu raġel, żewġ nisa, tlett itfal u tarbija.
F’inċident ieħor, gwardjan tal-fruntiera Bulgaru spiċċa joqtol immigrant billi sparalu wara li l-vittma kien qasam għall-Bulgarija mit-Turkija, tard fil-lejl il-Ħamis.
L-immigrant maqtul kien qed jivvjaġġa ma’ grupp kbir ta’ refuġjati mill-Afganistan, u l-isparatura seħħet lil hinn mill-belt ta’ Sredets. Hu mifhum li r-refuġjat miet waqt li kien qed jitwassal lejn sptar fiz-zona, u l-Prim Ministru Bulgaru Boyko Borisov telaq minnufih mit-taħditiet fi Brussell malli sema’ bl-aħbar.
//= $special ?>