L-Istitut Internazzjonali għal Liġi Marittima (IMLI) fi ħdan l-Università ta’ Malta għandu rwol kruċjali fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-effiċjenza tal-politika marittima u biex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-industrija marittima fuq l-ambjent naturali.
Saħqu dan ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tal-Mediterran Tonio Fenech fi stqarrija wara żjara li għamlu f’dan l-Istitut fuq stedina tad-Direttur tal-Istitut David Attard.
Roberta Metsola qalet li l-Istitut għandu rwol kruċjali fl-abbozzar tal-liġijiet nazzjonali speċjalizzati fis-settur marittimu. Tonio Fenech qal li dan l-Istitut ta kontribut qawwi fil-qasam akkademiku permezz tal-publikazzjoni ta’ numru ta’ kotba u ġurnali.
Id-Direttur tal-Istitut David Attard saħaq fuq il-ħtieġa li jkunu stabbiliti strateġiji legali biex ikunu protetti l-vittmi tat-traffikanti u fakkar li l-Istitut qed jippromwovi l-bżonn li niddefendu d-dinjità tal-persuni li jagħmlu dawn il-vjaġġi biex ifittxu kenn.
Roberta Metsola fakkret li l-Parlament Ewropew ivvota favur riżoluzzjoni li qed issejjaħ biex ikun hemm mira Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vapuri kif ukoll tnaqqis tal-veloċità tal-vapuri sal-2030.
//= $special ?>