Kurżitajiet

Ix-xorti titbissmilhom darbtejn fl-istess lotterija

Koppja fl-Ingilterra kienu għadhom kemm bdew jiċċelebraw ir-rebħ ta’ kważi £150,000 f’lotterija wara li ndunaw li f’idejhom kellhom biljett ieħor rebbieħ għal daqstant ieħor.

Alan Slater, ta’ 65 sena, qal li kif mar lura d-dar mix-xogħol kmieni filgħodu ċċekkja r-riżultati tal-futbol u n-numri tal-lotterija EuroNumbers u malajr l-għejja li kellu taret għax sab li kienu qatgħu l-ħames numri u n-numru “stilla”.

Qal li tela’ jiġri fis-sular ta’ fuq iqajjem lil martu Jane, u din gorritlu li kien jaqbillu li kellu raġuni tajba għal xhiex qajjimha. Hi ħasbet li kien għamlilha xi ċajta goffa imma l-ħarsa ta’ wiċċu kienet biżżejjed biex tinduna li dak li kien għadu kif qalilha kien minnu. Dan seħħ it-Tlieta ta’ ġimagħtejn ilu.

Irrakkonta kif it-tnejn li huma kienu diġà qed jagħmlu pjani dwar kif se jonfqu l-flus li rebħu meta ftit jiem wara, fil-5 t’Ottubru, wara mixja bil-kelb Ruby, dan daħal fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza u ċaqlaq xi karti li minnhom waqgħet karta u spiċċat fejn saqajn Jane.

Spjegat kif ġabret din il-biċċa karta, li kienet biljett tal-lotterija, u t-tnejn li huma nfaqgħu jibku meta ndunaw li anke dan kien biljett rebbieħ. “Seta’ faċilment spiċċa mormi jien u nbattal il-karozza”, spjegat il-mara, hekk kif qalet li “xi ħadd hemm fuq kien qed jieħu ħsiebna”.

Alan Slater issa qed jippjana li joħroġ bil-pensjoni ftit xhur qabel il-pjan oriġinali u martu qed tfittex kif tiċċelebra. Qalet li lil Ruby u lill-klieb l-oħra tagħhom se jmisshom ftit affarijiet tajba wkoll.

In-numri rebbieħa tal-lotterija kienu 11, 14, 26, 29 u 49 bin-numri “stilla” 3 u 9.