Internazzjonali

Jagħtu n-nar lil sit qaddis għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent

Grupp ta’ Palestinjani, fil-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa, taw in-nar lill-monument meqjum bħala l-Qabar tal-Patrijarka Ġużeppi, fil-belt ta’ Nablus.

Dan is-sit, fejn jingħad li hemm midfun l-iben ta’ Ġakobb li jingħata prominenza kbira fil-Bibbja, hu frekwentat minn eluf kbar ta’ Lhud. L-inċident żied it-tensjoni bejn il-Palestinjani u Iżrael.

Ir-rapporti qalu li għexieren ta’ Palestinjani taw is-salt għall-monument u tefgħulu bombi tal-petrol. Il-Pulizija Palestinjana, imbagħad, ferrxet il-folol u waslu fuq il-post l-iskwadri għall-emerġenza qabel intervjenew il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani.

Il-monument spiċċa ġarrab ħsarat kbar, u l-attakk qanqal il-kundanna tal-Mexxej Palestinjan Mahmoud Abbas. Abbas qal li l-attakk fuq il-Qabar ta’ Ġużeppi hu insult kontra l-kultura, ir-reliġjon u l-valuri tal-poplu Palestinjan, u wiegħed li jsiru t-tiswijiet dovuti fuq il-monument.

Sigħat biss qabel, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu appella biex it-Tmexxija Palestinjana twaqqaf l-attakki kontinwi ta’ Palestinjani armati fuq l-Iżraeljani.

Dan meta żdiedet il-vjolenza fl-inħawi ta’ Ġerusalemm, Betlem u x-Xatt tal-Punent fejn fl-aħħar jiem irriżultaw ammont sostanzjali ta’ mejtin u midruba fuq iż-żewġ naħat.

Il-vjolenza qed tkompli fost rapporti li Palestinjan li kien qed jilgħabha ta’ fotografu ma’ aġenzija tal-aħbarijiet spiċċa jferi suldat wara li attakkah b’sikkina. L-inċident seħħ fir-residenza Lhudija ta’ Kiryat Arba, fix-Xatt tal-Punent, bl-aggressur jinqatel aktar tard b’tiri ta’ arma.

L-ispinta fil-vjolenza bejn Iżrael u l-Palestinjani ilha mix-xahar li għadda, meta żbruffat it-tensjoni f’sit qaddis ta’ Ġerusalemm fejn jitolbu l-Lhud u daqstant ieħor Musulmani.

Intant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qed iħejji laqgħa b’urġenza bl-iskop li jiddiskuti l-aħħar żviluppi vjolenti f’Iżrael u x-Xatt tal-Punent.