Lokali Qorti

Joe Cassar jirbaħ kawża kontra l-Partit Laburista

L-eks Ministru tas-Saħħa d-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar rebaħ kawża fil-Qorti kontra l-Partit Laburista wara stqarrija li kien ħareg il-Partit Laburista tliet snin ilu dwar deċiżjoni li tkun irtirata l-ħatra ta’ numru ta’ konsulenti mediċi.

Fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku rtirat il-ħatra ta’ numru ta’ konsulenti mediċi u annullat it-tielet sejħa wara li ħareġ li ftit mill-kandidati ma kinux eliġibli.

Fl-istqarrija l-Partit Laburista allega li wieħed mill-applikanti kien qarib ta’ membru tal-kabinett (li ma kienx Joe Cassar).

Il-Partit Laburista allega li l-eks Ministru tas-Saħħa kien responsabbli minħabba li dan seħħ taħt ir-responsabilità tiegħu u allega li dan iqajjem suspetti ta’ abbuż.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale qalet li l-eks Ministru tas-Saħħa Joe Cassar fl-ebda ħin ma involva ruħu fil-proċess tal-għażla u għaldaqstant ma kienx responsabbli minn dak li seħħ. Il-Qorti qalet li l-allegazzjoni li saret mill-Partit Laburista ma kinitx ippruvata u għamlet ħsara lir-reputazzjoni tal-eks Ministru tas-Saħħa.

Għaldaqstant il-Qorti abet lill-Partit Laburista ħati u ordnatu jħallas is-somma ta’ €1,000 f’danni lil Joe Cassar.