Lokali Parlament

Maħtura Inkjesti wara allegazzjonijiet dwar attivitajiet illegali fl-Addolorata

Il-Gvern ħatar Bord ta’ Inkjesta, immexxi mill-Imħallef Irtirat Alberto Magri, biex jinvestiga allegazzjonijiet dwar attivitajiet illegali fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Il-każ ħareġ fil-beraħ grazzi għax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg.

Ilbieraħ, Claudette Buttigieg għaddiet l-informazzjonijiet kollha li kellha lill-Kumissarju tal-Pulizija u lill-Ministru tas-saħħa, dwar dawk li hi stess iddeskriviet bħala każijiet xokkanti ta’ abbuż fiċ-Ċimiterju ewlieni tal-gżejjer Maltin, u li dwarhom tkellmet fil-Parlament.

Claudette Buttigieg spjegat kif kien hemm organizzazzjoni sħiħa ta’ attività illegali, fejn fost oħrajn ħaddiema jieħdu l-flus biex inaddfu oqbra partikolari u saħansitra Uffiċjal fiċ-Ċimiterju kien qed iħaffer oqbra minn jheddu u jbigħhom hu stess.

Wara dawn l-allegazzjonijiet, ilbieraħ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata dehru numru ta’ ħaddiema ġodda wara li xi ħaddiema kienu sospiżi. Anke d-Direttur li allegatament kien jaf b’dawn l-abbużi, ġie sospiż sakemm tispicca l-Inkjesta.

Sadanittant, anke d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qed jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet, f’Inkjesta li nfetħet mill-Korp tal-Pulizija.