Il-qawwiet tal-Gvern Sirjan, appoġġjati mill-qawwiet tal-ajru Russi, qed iwettqu offensiva ġdida kontra r-ribelli fis-Sirja li qed jirreżistu lill-President Sirjan, Bashar al-Assad.
L-offensiva qed tikkonċentra fuq l-inħawi ta’ Aleppo, li hi t-tieni l-aktar belt importanti tas-Sirja, bir-rapporti jtennu li mijiet ta’ truppi mill-Iran u l-grupp Lebaniż Hezbollah qed jieħdu sehem f’din il-kampanja militari.
Ir-Russja qalet li qed tikkonċentra fuq il-pożizzjonijiet tat-‘terroristi’ – b’mod partikolari l-militanti tal-ISIS – fis-Sirja, iżda l-Punent sostna li ħafna mill-attakki riċenti fil-pajjiż Għarbi laqtu ċivili u gruppi tar-ribelli moderati.
Aktar qabel, kelliema għall-Gvern tat-Turkija qalu li l-ajruplani tal-gwerra tagħhom waqqgħu inġenju mhux identifikat li kien daħal fl-ispazju tal-ajru Tork u li niżel qrib il-fruntiera mas-Sirja.
Ir-rapporti tal-istampa rreferew għall-inġenju bħala ‘drone’ mingħajr ma taw dettalji.
Hu magħruf li l-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad ġieli juża dawn id-drones, l-istess bħalma jagħmlu r-Russja u l-koalizzjoni ta’ pajjiżi taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti li qed tikkumbatti lill-militanti tal-ISIS fl-artijiet tas-Sirja.
Il-militar tat-Turkija tenna li l-inġenju inkwistjoni kien indikat qrib il-fruntiera u li l-qawwiet Torok kienu ħarġu tliet twissijiet qabel waqqgħuh ‘skont ir-regoli għal dawn is-sitwazzjonijiet’. Madankollu, l-istampa fit-Turkija qalet li ritratti tal-hekk imsejjaħ ‘drone’ qed juru oġġett li aktar jixbah lil mudell ta’ ajruplan żgħir li mhux ta’ tip militari.
//= $special ?>