Tliet irġiel qegħdin jiġu mfittxija mill-Pulizija wara li dalgħodu allegatament kienu f’karozza li darbet gravi raġel ta’ 33 sena, meta dan ittajjar f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6:15am fi Triq Dragonara meta il-vittma, residenti Tas-Sliema, ntlaqat minn Fiat Punto ta’ kulur abjad. Madankollu, minn stħarriġ preliminari jirriżulta li tliet irġiel, li huma barranin u għandhom karnaġġjon skur, ħarġu mill-karozza u telqu jiġru.
Ir-raġel li ndarab sussegwentament ittieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn ġie stabbilit li kien sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett, li fost affarijiet oħra, qegħdin jistabilixxu min hu sid il-vettura abbandunata.
Kull min għandu xi informazzjoni hu mħeġġeġ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 119.
//= $special ?>