Tliet Palestinjani oħra tilfu ħajjithom wara li attakkaw residenti Lhud u membri tal-militar waqt inċidenti separati fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant.
B’hekk kompliet il-mewġa tad-dmija li ma battietx fir-reġjun, ġimgħat wara li żbruffaw l-ewwel f’sensiela ta’ inċidenti vjolenti bejn Iżraeljani u Palestinjani fi kwartier ta’ Ġerusalemm.
Tnejn mill-Palestinjani, li kienu armati bis-skieken, sfaw maqtula fil-belt ta’ Hebron, fix-Xatt tal-Punent. Fl-ewwel każ, żgħażugħ Palestinjan miet wara li ntlaqat minn tiri li sparalu residenti Iżraeljan. Aktar tard mara mas-servizzi armati Iżraeljani spiċċat toqtol Palestinjana li kienet ferietha waqt attakk fl-istess inħawi.
Sadanittant, Palestinjan ieħor inqatel mill-qawwiet Iżraeljani f’Ġerusalemm tal-Lvant wara li kien aggredixxa suldat li kien għassa ma’ checkpoint.
Il-vjolenza fl-inħawi tidher qed taqleb għall-agħar meta kuljum qed jidħlu rapporti dwar Palestinjani armati li qed jagredixxu lill-Iżraeljani f’Ġerusalemm u x-Xatt tal-Punent.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, sadanittant, iltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti s-sitwazzjoni allarmanti fil-Lvant Nofsani. L-istess Kunsill laqa’ b’sodisfazzjon ‘il-garanziji’ tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li se jibqa’ l-istatus quo fil-kumpless qaddis ta’ Ġerusalemm li l-Lhud jafuh bħala t-Tempju fuq l-Għolja u li l-Musulmani jqimuh bħala Haram al-Sharif.
L-inkwiet attwali bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani beda fost it-tensjoni dwar għajdut li Iżrael kellu jibdel ir-regoli bl-iskop li l-Lhud jingħataw aktar drittijiet fil-kumpless qaddis. Madankollu, Iżrael dejjem ċaħad għall-akkużi tal-Palestinjani f’dan is-sens.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU anki rreferiet għall-‘użu żejjed tal-forza’ mill-membri tas-sigurtà Iżraeljani bħala ‘fattur ieħor’ fl-ispinta tal-vjolenza. Iżda l-Viċi-Ambaxxatur Iżraeljan għan-NU, David Roet, iddefenda l-aġir ta’ Iżrael fejn sostna li pajjiżu kien qed jirreaġġixxi fil-konfront ta’ ‘għadu li lest biex imut biex jirnexxi fl-iskopijiet qattiela’.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, enfasizza l-inkwiet tiegħu dwar il-vjolenza f’Iżrael u x-Xatt tal-Punent waqt li ħeġġeġ biex l-Iżraeljani u l-Palestinjani ‘jtaffu l-kliem u l-aġir li kapaċi jixprunaw l-inkwiet fir-reġjun tagħhom’.
//= $special ?>