Lokali

FILMAT: L-aħħar tislima lill-Avukat Chircop

Il-Karkariżi sellmu għall-aħħar darba lill-Avukat Carmel Chircop li nqatel b’tiri ta’ arma ta’ nar l-Ġimgħa l-oħra f’Birkirkara. Hu kellu 51 sena.

Is-Sibt filgħodu kienu mijiet dawk li attendew għall-funeral ta’ Carmel Chricop li sar fil-Bażilika Kolleġjata ta’ Sant Elena.

Qabel il-quddiesa tal-Funeral sar korteo li beda minn quddiem il-Każin tal-Banda Sant Elena Duke Of Connought’s Own, li tagħha l-Avukat Chircop kien il-President.

Waqt il-quddiesa spikkat l-attendenza tal-ħbieb u kollegi ta’ Carmel Chircop li minbarra li attendew sabiex isellmulu ghall-ahhar darba riedu jkunu ta’ kuraġġ għall-familja tiegħu, martu u ż-żewġt uliedu kif wkoll għal ommu, u qraba oħra.

Fost dawk li taw l-aħħar tislima kien hemm anke l-Ispeaker tal-Parlament, Anglu Farrugia u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

L-Avukat Chircop inqatel kiesaħ u biered fi sparatura. Id-delitt seħħ il-Ħamis 8 ta’ Ottubru fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. Sa issa f’dan il-qtil ma jidhirx li kien hemm żviluppi ġodda, u qed ikun meqjus bħala każ diffiċli ħafna għall-pulizija.