Fil-baġit li għadda l-gvern inqabad li warrab proposti favur il-persuni b’diżabbiltà u ħallihom barra mid-diskors tal-Ministru tal-Finanzi biex issa mhux se jitwettqu.
Il-persuni b’diżbabiltà kienu diskussi f’konferenza organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista. Konferenza li kienet indirizzata mill-Kap tal-PN Simon Busuttil u kelliema oħra tal-Partit Nazzjonalista fis-settur soċjali.
Simon Busuttil qal li l-partit nazzjonalista iħares ‘il quddiem lejn sitwazzjoni fejn fil-parlament tkun eletta persuna b’diżabbiltà li titkellem fuq is-suġġetti l-oħra, lil hinn bid-diżabbiltà. Dan ikun ifisser li l-abbiltà tkun rebħet fuq id-diżabbiltà.
Dwar il-bagit, il-Kap tal-PN qal li dan kien baġit b’żewġ dokumenti; xi ħaġa tal-mistħija. Dan ma kienx żball, sostna Simon Busuttil, li spjega kif id-dokument tal-iżball kien jinkludi madwar 50 proposta li ma kinux inklużi fid-diskors moqri. Fost dawn il-proposti li twarrbu kien hemm waħda li tolqot direttamnet lill-persuni b’diżabbiltà li biha l-persuni b’diżabbiltà kienu se jiżdiedu b’5 ewro u 16-il ċenteżmu fil-ġimgħa fil-pensjoni, imma din ma saritx.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar l-importanza tal-awtonomija tal-Kummissjoni persuni b’Diżbabiltà u appellat għar-rikonoxximent meħtieġ għal-Lingwa tas-Sinjali.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar qal li l-gvern għandu jassigura li jopera bi trasparenza fl-aġenziji li joperaw f’dan is-settur u sostna li ċertu liġijiet li qed idaħħal il-gvern qed imorru kontra liġijiet internazzjonali.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri appella biex il-kwota ta’ impjegati b’diżbabiltà f’postijiet tax-xogħol tkun infurzata għalkemm hu aktar effettiv li min iħaddem ikun inċentivat li jimpjega persuni b’diżabbiltà.
Il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista Graziella Schembri tkellmet dwar id-diskussjoni li qed jagħmel il-PN mas-settur tal-persuni b’diżabbiltà biex il-proposti ta’ dawn il-persuni jsiru parti mill-politika tal-Partit; bil-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika.
//= $special ?>