Internazzjonali

Is-Slovenja tilqa’ l-immigranti wara li l-Ungerija għalqet il-fruntiera

Mijiet ta’ immigranti bdew jaslu fis-Slovenja mill-Kroazja wara li l-Ungerija għalqet il-fruntieri tagħha mal-Kroazja bl-iskop li trażżan il-mewġa tal-immigranti li qed jaslu fil-Punent tal-Ewropa.

Il-maġġoranza tal-immigranti qed jaħarbu mill-gwerer fis-Sirja u l-Iraq, bil-Gvern Ungeriż jikkonferma l-għeluq ta’ settur ieħor tal-fruntiera (mal-Kroazja) min-nofs il-lejl tal-Ġimgħa. Id-direttiva tapplika għall-immigranti illegali meta ċ-checkpoints formali fl-inħawi ta’ Beremend u Letenje għadhom miftuħin għall-persuni bid-dokumenti validi.

Fl-istess ħin, l-Ungerija qed terġa’ tintroduċi kontrolli fin-naħat tal-fruntiera mas-Slovenja. Dan meta għad hemm inċertezza dwar il-pjan tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-kriżi tal-immigranti li laħqet livell allarmanti. Mas-600,000 immigrant s’issa waslu fl-Istati tal-UE bil-mezzi tal-baħar u ħafna minnhom qed jivvjaġġaw mit-Turkija lejn il-Greċja.

Sadanittant, il-pulizija u s-suldati Ungeriżi għalqu l-aċċess ta’ Zakany bil-barbed wire wara li l-aħħar mijiet ta’ immigranti laħqu qasmu għal arthom mill-Kroazja. Min-nofs il-lejl ‘il hawn, l-immigranti bdew jitwasslu bix-xarabank mill-Kroazja lejn is-Slovenja, fejn qed jittamaw li jistgħu jkomplu fi triqthom lejn l-Awstrija u l-Ġermanja.

Aktar qabel, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea ma qablux dwar pjan appoġġjat mill-Ungerija biex l-immigranti jinżammu milli jaslu l-Greċja.

L-għeluq tal-fruntiera tal-Ungerija mal-Kroazja daħal fis-seħħ xahar biss wara li l-Gvern Ungeriż kien għalaq il-fruntieri tiegħu mas-Serbja li wkoll kienu qed iservu bħala rotta għall-immigranti li jridu jaslu fl-Ewropa tal-Punent.