Lokali Sport Sport Ieħor

Spettaklu fil-Port il-kbir

Is-Sibt filgħodu mill-Port il-Kbir ingħata bidu għas-36 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race b’ seba’ tluq differenti minn aktar minn 100 parteċipant skont il-klassi IRC li qed jikkompetu fiha.

Din it-tiġrija offshore, bla dubju l-aktar waħda popolari fil-Mediterran u din is-sena qed jieħdu sehem jotts minn 22 pajjiż differenti, offriet spettaklu mill-isbaħ lill-mijiet ta’ dilettanti li mlew kull rokna madwar id-dawra tal-port il-kbir biex jaraw it-tluq mill-isbaħ.

Sfortunatament ir-riħ ma kienx wieħed idejali u n-nuqqas tiegħu kien ta’ wġiegħ ta ras għad-direttur tat-tiġrija Peter Dimech hekk kif il-klassijiet kellhom jistennew aktar milli mistenni għat-tluq tagħhom. Dan għaliex il-jotts tal-klassijiet rispettivi tħallew jabqdu l-bokka tal-port ħalli ma jkunx hemm staġnar.

Ir-Rolex Middle Sea Race hi tiġrija ta’ 608 mili nawtiċi li fiha l-parteċipanti jbaħħru kontra l-arloġġ mill-Port il-Kbir lejn il-kosta ta’ Sqallija, jgħaddu mill-istrett ta’ Messina u jitilgħu l-fuq lejn il-ġżejjer Aeoli, Stromboli u lejn il-gżejjer Egadi minn fejnn imbagħad jaqbdu r-rotta l-isfel lejn Pantelleria, billi jgħaddu bejn Marettimo u Favignana u jkomplu lejn Lampedusa. Minn hemm l-aħħar tappa tkun lura lejn il-port ta’ Marsamxett bili jgħaddu min-nofsinhar ta’ Kemmuna.

Ir-rekord ta’ din il-korsa għadu dak imwaqqaf mill-jott Rambler tal-Amerikan George David fl-2007 ta’ 47 siegħa, 55 minuta u 3 sekondi.

ROLEX 2