Lokali

Suġġeriment tal-MDA biex tittaffa l-problema tat-traffiku

Delegazzjoni tal-Malta Developers Association (MDA) kellha laqgħa mal-Ministru responsabbli għat-trasport u uffiċjali ta’ Transport Malta li fiha kienet diskussa l-problema attwali tat-traffiku fit-toroq.

Filwaqt li l-MDA għamlitha ċara li ma taqbilx ma xi restrizzjonijiet fil-ħinijiet meta jistgħu jaħdmu vetturi ta’ kuntratturi għax din tfisser li dawn ikollhom ibagħtu b’mod sproporzjonat minħabba l-problema, l-MDA għamlet suġġerimenti pożittivi li jistgħu iwasslu biex tittaffa l-problema tat-traffiku fuq medda qasira (short term).

Dawn is-suġġerimenti kien jinkludu:

 Qbil mal-idea li t-trasport pubbliku jkun bla ħlas bejn is-6.00 u d-9.00 ta’ filgħodu u bejn it-3.30 u s-6.00 ta’ filgħaxija;

 Aktar kordinazzjoni meta jingħalqu toroq minħabba xogħolijiet jew għal raġunijiet oħra. Bħalissa dawn qed jingħalqu mingħajr ma s-sewwieqa jingħataw rotot alternattivi;

 Servizz ta’ park and ride f’lokalitajiet differenti;

 Isiru tentattivi għal motorcycle lanes kull fejn hu possibbli; u

 Issir kampanja edukattiva fil-media għas-sewwieqa kollha.

L-MDA stqarriet ukoll li temmen li hemm bżonn urġenti ta’ investiment qawwi fl-infrastruttura tat-trasport biex twassal għal soluzzjoni tal-problema fit-tul.