Mill-gazzetta il-mument
Minn Madrid, il-laqgħa li jkun imiss tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) se tkun organizzata f’Malta fl-ewwel sitt xhur tal-2017
Nhar l-Erbgħa li ġej, wara nofsinhar, jiftaħ il-Kungress Statutorju tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-kapitali Spanjola Madrid. Dan huwa Kungress mistenni ħafna minħabba l-isfidi li għandha l-Unjoni Ewropea minħabba l-immigrazzjoni. Il-Kanċillier Ġermnaniż Angela Merkel, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker mistennija jattendu.
Ħatriet fil-Partit Popolari Ewropew
Dan il-Kungress għandu wkoll l-importanza tiegħu għax se jkun hemm l-elezzjoni tal-President u għaxar Viċi-Presidenti tal-PPE. Il-President preżenti Joseph Daul beħsiebu jerġa’ jikkontesta u wisq probabbli jerġa’ jkun elett. Ma hemm l-ebda kandidat ieħor għal din il-kariga. Madanakollu ma hemm l-ebda ċertezza dwar min se jiġi elett Viċi- President. Fil-fatt intefgħu għoxrin nomina għal għaxar postijiet. Ħafna minn dawn il-kandidati għamlu ħilithom f’dawn l-aħħar jiem biex jiltaqgħu u jċemplu kemm jifilħu delegati inkluż dawk Maltin biex jirbħu l-fiduċja tagħhom. Il-Kungress se jeleġġi wkoll it-Teżorier u s-Segretarju Ġenerali.
Indirizz minn Simon Busuttil, Kap tal-PN
Id-delegazzjoni Maltija se titmexxa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li se jagħti diskors nhar l-Erbgħa li ġej fis-sitta ta’ filgħaxija. Ser tattendi wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Rosette Thake, it-tliet Membri Parlamentari Ewropej, David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, s-Segretarju Internazzjonali Trevor Degiorgio u l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg fost uffiċċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil mistenni jitkellem fuq l-immigrazzjoni u jagħti direzzjoni ċara ta’ fejn għanda tmur l-Unjoni Ewropa. Hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa ntemmet laqgħa għolja oħra tal-Mexxejja tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, l-Kap tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Partit Popolari Ewropew (PPE) Manfred Weber ikkritika bl-aħrax dan il-laqgħa għolja. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu fjakki wisq qal Weber. “Ċertament m’humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi tal-kriżi tar-refuġjati. Hemm wisq mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej li għadhom jemmnu li qatt xi darba se noħorġu minn din il-kriżi b’għajnejna magħluqa. Din hija biss illużjoni, il-bajtra mhux se taqa’ f’ħalqna.”
“Hemm bżonn ta’ aktar fondi, ta’ ftehim serju mat-Turkija, il-fruntieri esterni tal-UE għandhom jissaħħu, hotspots għandhom jiġu stabbiliti, u t-titjiriet tar-ritorn ta’ immigranti ekonomiċi f’pajjiżhom għandhom jiżdiedu,” temm Manfred Weber.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>