L-ispejjeż tal-kura ta’ Michael Schumacher telgħu għal madwar €13.6 miljun wara l-inċident gravi fuq il-muntanji f’Diċembru tal-2013 li kważi swielu ħajtu.
Wara sitt xhur ta’ kura, Schumacher ħareġ mill-koma li kien fiha imma l-kundizzjoni vera ta’ saħħtu baqgħet mhix magħrufa. Rapporti qed jgħidu li kull ġimgħa jeħtieġ mal-€140,000 wara li d-dar tiegħu ġiet installata b’apparat state of the art biex jipprova jieħu lura saħħtu.
L-eks-champion għal seba’ darbiet tal-Formula Wieħed, li għandu 46 sena, hu mdawwar minn martu Corinna u tim mediku ta’ 15-il persuna li jagħtuh kura 24 siegħa kuljum. Rapporti jgħidu li waqt li kien f’koma, tilef kwart tal-piż tiegħu u llum jiżen biss 54 kilo.
Il-Professur Curt Diehm, tal-isptar Karlsbad fil-Ġermanja, qal li waqt li hu normali li persuna titlef mill-piż tagħha waqt koma, li titlef 20 kilo hu ħafna.
Flimkien mal-ulied Mick u Gina Marie, mart Schumacher, Corinna, irnexxielha żżomm il-familja ’l bogħod mil-lenti tal-fotografi minkejja t-traġedja ta’ żewġha, li hu meqjus stilla għad-dinja tal-isport.
Qabel l-inċident, Schumacher kien iddeskriva lil martu bħala persuna li rnexxielha tadatta mingħajr kundizzjoni għar-ritmu xejn faċli ta’ ħajtu. F’intervista ftit jiem biss qabel l-inċident, kien iddeskriva kemm hi importanti martu għalih u li t-tnejn li huma qatt ma kellhom argumenti kbar. “Dan għax naqsmu l-istess valuri”, qal Michael Schumacher, “u waqt li jien kont intellaq, Corinna kienet l-anġlu kustodju tiegħi”.
Fi Frar sar magħruf li l-koppja biegħet id-dar li kienu jużaw għall-btajjel fin-Norveġja, u li kienet ir-rifuġju għall-familja f’kull mument ta’ btala mis-snin Disgħin ’il quddiem.
//= $special ?>