“Karl kien jemmen li dejjem trid issib il-pożittiv, anke f’xi ħaġa kerha u wara mewtu xtaqna nagħmlu hekk” qalet Rose lil Netnews.com.mt.
Rose hi l-mara ta’ Karl Vella. Kulħadd jiftakar il-messaġġi ta’ ispirazzjoni li Karl kien jgħaddi, anke’ fl-agħar mumenti ta’ ħajtu.
Karl kien tilef il-battalja mal-kanċer fl-eta’ ta’ 37, fi Frar tas-sena li għaddiet.
Iżda l-memorja ta’ Karl ma mititx. Tant li l-Ħadd infetaħ għall-pubbliku ċ-ċentru l-ġdid minn fejn se tibda topera il-Fondazzjoni Karl Vella.
Rose tispjega li meta Karl kien qed ibati mill-marda tal-kanċer, l-attenzjoni lejn it-tfal naqset u għaldaqstant, wara l-mewt ta’ Karl, ħarġet bl-idea li l-ulied għandhom ikollhom post fejn ma jitilfux din l-attenzjoni meta xi membru tal-familja jkun marid.
Dwar spjegatilna aktar Claire Chircop, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni. Claire spjegat li għal dawn l-aħħar erbatax-il xahar numru ta’ voluntiera ingħataw taħriġ intensiv biex ikunu jistgħu jibdew joffru dan is-servizz.
Il-Fondazzjoni filfatt se tkun qed tilqa’ tfal bejn 5 snin u 17-il sena u se tkun qed toffri għajnuna edukattiva. Wara l-ħin tal-iskola, it-tfal li se jibbenefikaw minn dan is-servizz, ikunu jistgħu imorru fiċ-ċentru u jagħmlu x-xogħol tad-dar f’ambjent edukattiv. Se jkunu wkoll organizzati numru t’attivitajiet kollha bil-għan li t-tfal jibqgħu jingħataw l-attenzjoni. Dan apparti l-attenzjoni psikoloġika li se tkun qed tingħata lit-tfal.
Il-mara ta’ Karl Vella, Rose, tispjega li familji li jkunu qed iħabbtu wiċċhom mal-mard ikunu għaddejjin minn mument ta’ sfidi kbar u għaldaqstant, din il-Fondazzjoni se sserraħ l-imħuħ ta’ dawn il-familji li t-tfal mhux se jitilfu mill-attenzjoni li jkunu jeħtieġu.
“L-għan fil-ħajja hu li ngħinu u nagħtu. Li nieħdu ħsieb lil xulxin hu dak li jagħti skop lill-ħajja,” tgħidilna Rose u ttemm, “b’din il-Fondazzjoni qed inżommu l-memorja ta’ Karl ħajja.”
Ritratti: Roberto Runza
//= $special ?>