Mill-gazzetta il-mument
Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Edward Scicluna li l-prezzijiet tal-fuel jinżammu għolja biex jiskoraġixxi t-traffiku
Mistoqsijiet mibgħuta minn il-mument lill-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi baqgħu mhux imwieġba b’rabta mad-dikjarazzjoni li għamel l-għada tal-Baġit il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Nhar it-Tlieta li għadda, l-Ministru tal-Finanzi ammetta li l-politika tal-Gvern Laburista hi li jżid il-prezz tal-fuel biex it-traffiku jkun skoraġġut. Hu kien qiegħed jieħu sehem fil-programm Times Talk imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali li fih ħa sehem ukoll Mario de Marco, Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi.
Id-dikjrazzjoni tal-Ministru Scicluna qed tqajjem dubji kbar u daqstant ieħor serji dwar l-awtonomija tar-Regolatur, meta skont il-liġi hija l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi li tistabilixxi l-prezzijiet tal-fuel fost oħrajn.
Nhar it-Tlieta li għadda, il-Ministru tal-Finanzi ta x’jifhem b’mod ċar li s-soluzzjoni u l-politika tal-Gvern Laburista għall-problema tat-traffiku hi li ma jitraħħsux il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, jew inkella li l-Gvern jintaxxa l-fuels permezz tas-Sisa. Waqt il-programm fuq l-istazzjon nazzjonali, Edward Scicluna stqarr “se jinżel il-prezz, però fl-istess ħin il-Gvern żied is-Sisa fuqu għaliex jekk trid li t-traffiku tiskoraġġieħ.”
Għal din l-istqarrija ċara, ix-Shadow Minister Mario de Marco irrimarka li allura, il-politika tal-Gvern hi li jżid il-prezz tal-fuel biex it-traffiku ikun skoraġġut. Għal din ir-rimarka, Edward Scicluna sempliċiment wieġeb: “Mela le, hekk hu,” u ftit sekondi wara żied li din m’hijiex is-soluzzjoni.
Fl-isfond ta’ din id-dikjarazzjoni, il-mument bgħatet sensiela ta’ mistoqsijiet lir-Regolatur responsabbli mill-prezzijiet tal-fuel fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, madankollu dawn qatt ma ġew imwieġba. Il-fatt li ma ntbagħtux tweġibiet jitqanqal aktra tħassib dwar l-probabbiltà ta’ indħil mill-Gvern preżenti fuq l-operat tal-Awtorità konċernata li suppost għandu jkun indipendenti u awtonomu.
MISTOQSIJIET MIBGĦUTA LIR-REGOLATUR
Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna dwar ir-rabta tal-prezzijiet għolja tal-fuel u l-kontroll tat-traffiku fit-toroq:
(1) L-Awtorità se titlob kjarifika mingħand il-Ministru tal-Finanzi li bid-dikjarazzjoni li qal din il-ġimgħa ta x’jifhem li l-Gvern għandu sehem ewlieni jew huwa f’pożizzjoni li jinfluwenza biex ikun determinat il-prezz tal-fuels għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin?
(2) L-Awtorità x’azzjoni se tieħu biex tassigura trasparenza assoluta u indipendenza fl-operat tagħha mill-Gvern tal-ġurnata ħalli l-konsumatur Malti u Għawdxi jkollu moħħu mistrieħ li r-reviżjonijiet li jkunu qed isiru fil-prezzijiet tal-fuel jkunu tassew ġusti, u mhux ikun hemm aġenda moħbija influwenzata mill-Gvern tal-ġurnata?
(3) Bid-dikjarazzjoni li saret mill-Ministru tal-Finanzi ma taħsibx li dan xellef u tefa’ dell fuq l-operat tal-Awtorità li suppost taħdem b’mod awtonomu?
//= $special ?>