Lokali

Muscat iwissi lil Ministri; ma jridx li dis-sena jkun hemm xi ħadd li ‘jispara’ fuq il-budget

Mill-gazzetta il-mument

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal messaġġ iebes u ċar lill-membri kollha tal-Kabinett biex ħadd minnhom ma jazzarda jidħol f’xi kwistjoni li permezz tagħha ‘jinqatel’ il-Baġit.

Dan fl-isfond ta’ dak li kien ġara s-sena l-oħra meta x-xufier tal-eks-Ministru Manuel Mallia kien spara fil-Gżira l-għada tal-Baġit. Dik l-isparatura kienet wasslet biex in-nies, flok tkellmet dwar il-Baġit li kien ressaq il-Gvern, spiċċat titkellem dwar dak l-inċident.

Sorsi qrib Kastilja qalu lil il-mument li fil-jiem ta’ qabel il-Baġit, il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal messaġġ sever lill-membri kollha tal-Kabinett li kull wieħed u waħda minnhom għandhom jassiguraw imġiba korretta u ma jidħlu fl-ebda polemika fil- perijodu li jkun diskuss il-Baġit bl-iskop li l-attenzjoni pubblika b’mod inġenerali ma tkunx mittiefsa.

Ironikament kien il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna stess li nhar it-Tnejn li għadda għaffeġ waħda kbira li dwarha qed jitkellem kulħadd – dik li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti b’diskrepanzi ċari bejniethom dwar il-miżuri tal-Baġit. Dan qanqal dubji u għadd ta’ mistoqsijiet dwar liema hu l-vera dokument tal-Baġit.

Aktar fil-gazzetta il-mument