Internazzjonali

Rabja għall-istupru ta’ tfal fl-Indja

Rabja f’New Delhi, il-kapitali tal-Indja, wara li żewġt itfal żgħar spiċċaw stuprati f’attakki separati – b’waħda mill-vittmi, tifla ta’ sentejn u nofs, tispiċċa maħtufa minn żewġ irġiel fil-Punent tal-kapitali.

It-tifla inkwistjoni sofriet diversi tipi ta’ aggrediment sesswali qabel tħalliet waħedha f’park viċin id-dar tagħha. Fl-inċident l-ieħor, tifla ta’ ħames snin spiċċat stuprata minn tliet irġiel lejn il-Lvant ta’ Delhi. Dawn il-vittmi ċkejknin, bħalissa, qed jingħataw trattament mediku iżda m’humiex f’periklu li jitilfu ħajjithom.

Iż-żewġ każi qanqlu rabja kbira fost il-pubbliku, bil-Ministru Ewlieni ta’ Delhi, Arvind Kejriwal, jakkuża lill-Gvern u l-Pulizija talli m’humiex jagħmlu biżżejjed biex jipproteġu lill-minorenni f’din il-belt. L-aħħar attakki, fil-fatt, seħħew ġimgħa wara li tifla ta’ erba’ snin kienet spiċċat stuprata, f’Delhi.

L-Indja, sentejn ilu, introduċiet liġijiet aktar ħorox għall-vjolenza sesswali wara l-mewt ta’ studenta li sfat vittma ta’ stupru tal-massa.