Lokali

“Se nuru kif il-budget seta’ kien ħafna aħjar” – Mario De Marco

Hekk kif għada l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jkun qed jagħti r-risposta tiegħu għall-budget li ressaq Gvern Laburista, l-Oppożizzjoni se tkun qed turi kif il-budget seta’ kien ħafna aħjar.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco waqt intervista fuq Radio 101.

“In-nies kienu qed jaħsbu li, wara li għandna Gvern li ilu jgħidilna kemm għandna ekonomija qed tikber, dan il-budget kien se jindirizza aħjar il-bżonnijiet tan-nies” saħaq Mario de Marco.

Mario De Marco fakkar li minkejja l-ftaħir kollu ta’ kemm l-ekonomija sejra tajjeb, in-numru ta’ persuni li jinsabu fi stat ta’ faqar jew f’riskju ta’ faqar illum żdied u mhux naqas.

Huwa qal li t-tibdil propost fil-paga minima mhuwiex biżżejjed.

“Saret reviżjoni fit-tax bands għal dawk li qegħdin fuq paga baxxa iżda dawn se jkunu qed jiffrankaw biss żewġ ewro fil-ġimgħa. Dawn iż-żewġ ewro se jagħmlu xi differenza dwar jekk intix fi stat ta’ riskju ta’ faqar jew le?” staqsa Mario de Marco.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-budget huwa nieqes minn viżjoni li turi fejn dan il-gvern irid iwassal lil pajjizna.

“Amministrazzjonijiet Nazzjonalisti dejjem raw kif dejjem ikollhom niċeċ ġodda ta’ ekonomija u jsaħħu niċeċ eżistenti. Saħħaħna t-turiżmu, żammejna l-manifattura, introduċejna servizzi finanzjarji, introduċejna l-i-gaming, introduċejna l-manutenzjoni tal-ajruplani. Għall-kuntrarju, dan il-Gvern ma ta l-ebda viżjoni. X’se tkun l-ekonomija għal għada?” staqsa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dan huwa Gvern, saħaq Mario de Marco, li minkejja li jgħid li jisma’, qed jinjora t-talbiet tal-imsieħba soċjali fosthom dik li għandhom jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Mario De Marco tkellem ukoll dwar id-dokument tal-budget li l-gvern ippreżenta bi żball u li fih kien hemm proposti differenti minn dawk imħabbra fil-budget bil-Viċi Kap Nazzjonalista jfakkar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar għażel li jagħti inqas liċ-ċittadin.