Il-Knisja Parrokjali tal-Ibraġġ, iddedikata lil Marija Immakulata, kienet fil-mira ta’ serqa li seħħet fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews, hu stmat li nsterqu aktar minn 4,000 ewro fi flus li nġabru bħala donazzjonijiet għall-Missjoni.
Jirriżulta li s-serqa nżammet matul il-lejl, bil-ħalliel jew ħallelin jitfu l-cameras tas-sigurtà ħalli jkunu jistgħu jwettqu d-delitt tagħhom. It-tmexxija tal-Parroċċa ndunat bis-serqa għall-ħabta tad-9.30am u immedjatament sar rapport lill-Pulizija.
Filwaqt li ma rriżultax li kien hemm sgass fuq barra tal-Knisja, fi stqarrija, il-Pulizija qalet li jirriżulta li l-ħalliel jew ħallelin sgassaw kamra fuq ġewwa tal-Knisja, minfejn serqu l-flus.
Il-Pulizija mid-Distrett u mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qed jinvestigaw il-każ, filwaqt li ġie nfurmat ukoll il-Maġistrat tal-għassa Joe Mifsud, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’Inkjesta Maġisterjali.
(Ritratt: Il-Maġistrat Joe Mifsud waqt l-aċċess fil-Knisja tal-Ibraġġ)
//= $special ?>