Fil-kritika tieghu għall-miżuri tal-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil poġġa l-aspett soċjali fil-qofol u qal li l-politika tal-Gvern qed tolqot hażin lin-nies, lill-familji u lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Simon Busuttil qal li l-aqwa Kabinett fl-istorja spiċċa jagħmel budget b’żewġ dokumenti, b’dokument minnhom nieqes minn miżuri pożittivi.
Fid-diskors tiegħu, fost l-oħrajn, il-Kap tal-Oppożizzjoni semma l-prezz għoli li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għall-elettriku, minkejja li l-Gvern kien qed jixtri l-elettriku bl-irħis mill-interconnector – proġett li twettaq minn Gvern Nazzjonalista. Il-poplu qed jinsteraq ukoll fil-petrol u d-diesel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-politika tal-Gvern qed twassal għal piżijiet fuq il-familji, filwaqt li l-paga medja m’għadiex qed tikber kif kienet qabel.
Simon Busuttil enfazizza l-pjaga tal-korruzzjoni fosthom il-każi tal-Cafe’ Premier, it-telf ta’ €14-il miljun miż-żejt mill-Ażerbajġan, l-iskandlu ta’ Gaffarena, il-każ tal-eks-Spettur tal-pulizija Daniel Zammit, il-każi tal-Bank of Valletta u l-House of Four Winds u l-iskandlu tal-permessi tar-residenzi.
Simon Busuttil qal li l-politika tal-Gvern Laburista turi d-differenza kbira bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista u bejnu bħala politiku u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
//= $special ?>