Il-pjan tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li jespandi ċ-Ċentru Ċiviku tiegħu ħa daqqa ta’ ħarta wara li sar magħruf li l-Każin Laburista li jinsab biswit, u li qed jokkupa parti mill-istess binja, ġedded il-kirja tiegħu mal-Gvern sat-18 ta’ Awwissu 2016.
Jirriżulta li l-Partit Laburista ġedded permess ta’ encroachment b’mod sigriet, tant li l-Kunsill tas-Siġġiewi se jkun qed jiddiskuti din il-materja b’mod urġenti. Is-Sindku tal-lokalità Karol Aquilina saħaq li hu determinat li bħala Kunsill Lokali jinkiseb lura dak li hu bi dritt tas-Siġġiewi u tas-Siġġiewin kollha, jiġifieri l-bini kollu taċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi fi Pjazza San Nikola.
Fil-ftehim sigriet, li sar minn wara dahar kulħadd, hemm imdaħħal mill-ġdid id-Dipartiment tal-Artijiet. Hu mifhum li l-Partit Laburista ħallas €1,000 lil-Lands biex tiġġedded il-kirja sa Awwissu u għalhekk il-Każin Laburista tas-Siġġiewi jibqa’ jokkupa parti mill-binja, li kienet destinata li tmur kollha għand il-Kunsill.
Il-Kunsill Lokali kien kiseb il-binja fl-2010 u kien sar proġett biex is-Siġġiewi jkollu Ċentru Ċiviku modern. Il-ftehim ta’ dakinhar kien wassal biex il-Każin Laburista jżomm parti minn din id-dar antika, b’entratura separata, għal ħames snin. Minkejja li f’dan il-perjodu, il-Partit Laburista kellu jilħaq isib sit alternattiv, issa jidher li l-Partit Laburista se jibqa jkaxkar saqajh u ma jroddx il-binja kollha lura lill-poplu tas-Siġġiewi.
Karol Aquilina qed jinsisti li dan hu abbuż mill-Partit Laburista u inġustizzja kbira mis-Siġġiewin.
//= $special ?>