Imħallfin fi Franza waqqfu lil ġenituri ta’ tarbija milli jsemmu lil binhom Prince William u nsistew li isem hekk iwassal biex it-tarbija jkollha lil min jgħaddiha biż-żmien tul ħajjitha kollha.
Id-deċiżjoni ttieħdet f’Perpignan, fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, imma l-imħallfin iddeċidew li jipprojbixxu l-isem tal-ġenituri biex jipproteġu lit-tarbija. Il-koppja kienet qed taħseb li jekk issemmi lil binha għall-werriet tat-tron Ingliż, ikollu konnessjoni importanti, imma l-imħallfin ħasbu mod ieħor. Huma kkwotaw artiklu tal-liġi li tippermetti lill-awtoritajiet jimblukkaw isem u ma jħallux lill-ġenituri jsemmuh jekk jaħsbu li se jesponu lit-tarbija għal ridikolu.
Wara Prince William, il-ġenituri għażlu Mini Cooper bħala t-tieni possibiltà ta’ isem imma anke dan ġie imblukkat.
Iktar kmieni din is-sena, l-awtoritajiet Franċiżi waqqfu ġenituri milli jsemmu lil binthom Nutella waqt li ġenituri oħra wkoll twaqqfu milli jagħtu l-isem ta’ Frawla (Fraise) lil binthom. Fil-Franċiż, hemm espressjonijiet mhux xierqa bl-użu ta’ diversi frott, inkluż il-frawla.
Sal-1993, ġenituri fi Franza kellhom jagħżlu l-ismijiet għat-trabi tagħhom minn lista approvata mill-awtoritajiet. Il-lista llum tneħħiet imma l-awtoritajiet xorta waħda għandhom il-jedd li jwaqqfu lill-ġenituri milli jagħtu isem jekk jaħsbu li dan imur kontra l-interessi tat-tifel jew tifla.
Fis-sena 2000 kien hemm il-każ li l-koppja bil-kunjom Renault appellaw għad-deċiżjoni tal-imħallfin li kienu waqqfuhom milli jsemmu lil binthom Megane. F’dan il-każ, il-ġenituri rebħu l-appell.
Iktar kmieni din is-sena, partitarju tal-partit tal-lemin estrem Front National ma tħalliex isemmi lill-klieb tiegħu Itler u Iva għal Adolf Hitler u seħbitu Eva Braun. Imma minkejja dawn id-deċiżjonijiet, fi Franza stess tħallew jingħataw ismijiet bħal Tarzan, Mowgli u Khaleesi għall-karattru ta’ Game of Thrones.
//= $special ?>