Ajruplan militari Amerikan tat-tip F-16 intlaqat minn tiri tal-għadu fil-Lvant tal-Afganistan – każ rari għal ajruplan ta’ din ix-xorta.
L-ajruplan ġarrab ħsara konsiderevoli u l-bdot kellu jarmi t-tankijiet tal-fuel u l-armi li kien hemm imwaħħlin mal-ġewnaħ tal-ajruplan biex seta’ jerġa’ lura lejn il-bażi.
It-Taliban assumew ir-responsabbiltà għall-attakk u l-bdot li rritorna lejn il-bażi ma ndarabx.
Il-każ seħħ fid-distrett ta’ Sayid Karam fil-provinċja ta’ Paktia, li parti kbira minnha tinsab ikkontrollata mit-Taliban. It-Taliban għall-ewwel kienu qed isostnu li waqqgħu l-ajruplan.
Sorsi qalu li l-ajruplan aktarx kien qed jittajjar fil-baxx ħafna, aktarx bħala appoġġ għal xi truppi speċjali li nqabdu f’diffikultà.
Jintlaqat F-16 Amerikan fl-Afganistan
