Kurżitajiet

Koppja Ingliża tikkanċella t-tieġ minħabba l-imħabba għal qattus abbandunat

Koppja fl-Ingilterra ddeċidiet li tikkanċella l-pjani tat-tieġ wara li, waqt vaganza, sabet qattus abbandunat u ddeċidiet li tadottah.

Nicolla Birkby u Karl Place nefqu iktar minn €2,700 biex adottaw lill-qattus, li semmewh Sheikh, u biex ħaduh magħhom l-Ingilterra wara li sabu lill-ħlejqa fi xtajta f’Abu Dhabi.

Nicolla rrakkuntat kif qalbhom waqgħet għall-qattus waqt li kienu f’Abu Dhabi f’April li għadda. Dakinhar raw dan il-qattus ċkejken abbandunat, midrub u nieqes mill-ikel u mix-xorb u ħajjithom inbidlet. Għall-ewwel tawh x’jiekol u x’jixrob imma minkejja li ħallewh fix-xtajta, Nicolla ma setgħetx ma taħsibx fih. Qalet li l-għada, reġgħu rawh fuq l-istess xtajta u ddeċidew li ma jħalluhx hemm.

“Għall-ewwel ma ndunajniex li kien qattus”, spjegat Nicolla, “minħabba li kien f’kundizzjoni ħażina ħafna. Waqafna ntuh x’jiekol u x’jixrob u rajna li għajnejh tant kienu nexfin li ma setax jara l-ikel quddiemu. Għall-ewwel ħsibna li kien għami, kien qisu ma jafx x’jagħmel bih innifsu. Il-qtates l-oħra kienu kollha qawwijin ġmielhom u kienu għall-kenn fid-dell imma Sheikh kien jidher li kien bil-ġuħ u fix-xemx. Kellu bżonn min jieħu ħsiebu”.

Nicolla qalet li baqgħu jagħtu l-ikel lill-qattus tul il-vaganza tagħhom u kkuntattjaw diversi xelters tal-annimali biex dan isib dar, imma spjegat li ebda xelter ma seta’ jgħin. Fl-aħħar iddeċidew li jħallsu huma l-flus meħtieġa biex Sheikh jingħata t-trattamenti li kellu bżonn kontra l-briegħed u l-kura veterinarja l-oħra.

Nicolla qalet ukoll li qatt ma kienu kuntenti daqs meta Sheikh fl-aħħar wasal fl-Ingilterra f’Lulju li għadda.

“Konna ilna nippjanaw it-tieġ minn Diċembru, imma ħassarnih għax infaqna wisq flus biex ġibna lil Sheikh fl-Ingilterra”, qalet it-tfajla hekk kif spjegat li kienet diġà xtrat il-libsa tat-tieġ li togħġob lilha u kienu bbukkjaw iċ-ċerimonja fuq xtajta sabiħa fil-Ġamajka, imma ikkanċellaw kollox.

“Għall-bidu kkanċellajna l-band tat-tieġ u l-bukkett tiegħi imma mbagħad l-ispejjeż baqgħu tielgħin u mill-ewwel indunajna li kien se jkollna nħassru kollox. Konna se niżżewġu weħidna imbagħad nagħmlu party kbir għall-ħbieb tagħna u l-familja fl-Ingilterra, imma ħassarna dak ukoll. Infaqna l-flus tat-tieġ biex adottajtna lil Sheikh imma ma jiddispjaċina għall-ebda penny”, temmet tgħid it-tfajla hekk kif qalet li t-tieġ jista’ jsir darb’oħra imma ma tiltaqax kuljum ma’ qattus bħal Sheikh.