Diżgustanti, orribbli, tal-biża’, bad taste u ħamallaġni. Ħela tal-flus mit-taxxi, falliment, qisha xi night club jew, inkella bħal donnu l-Milied ġie kmieni.
Dawn kienu uħud mill-kummenti tan-nies wara li fuq l-internet bdew iduru r-ritratti tad-dawl il-ġdid li sar mal-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja. Uħud minn dawk li kkummentaw spiċċaw jirridikolaw ukoll il-proġett tal-illuminazzjoni ta’ Kastilja daqs li kieku sar minn tifel żgħir bla esperjenza ta’ xejn.
Il-proġett tar-restawr fil-faċċata ta’ Kastilja kien inbeda mill-Gvern Nazzjonalista, iżda d-dawl ġie totalment differenti minn dak li kien propost oriġinarjament fl-2011.
Il-proġett ta’ restawr tlesta fis-Sajf li għadda u kien ilu għaddej ħames snin. Suppost, dan il-proġett kellu jikkumplimenta wkoll il-Pjazza, li qed tiġi pavimentata mill-ġdid u li se tkun ċentru ewlieni tal-attivitajiet li se jsiru f’pajjiżna dalwaqt, fosthom il-laqgħat tal-Mexxejja tal-Commonwealth (CHOGM).
//= $special ?>