Internazzjonali

Manuvri kbar min-NATO fil-Mediterran

Mil-lum, in-NATO se tagħti bidu għall-akbar manuvri fil-Mediterran f’dawn l-aħħar 20 sena.
Manuvri mlaqma Trident Juncture li fihom qed jipparteċipaw 27 pajjiż membru tal-alleanza kif ukoll tliet pajjiżi oħra u se jaraw imdaħħla fihom 36,000 suldat, 140 ajruplan u aktar minn 60 bastiment tal-gwerra tul perjodu ta’ ħames ġimgħat.
Dawn il-manuvri ilhom ippjanati, ferm qabel l-intervent militari Russu fis-Sirja kif ukoll ż-żieda fit-tensjoni madwar il-Lvant Nofsani.
Wara aktar minn għaxar snin fejn l-attenżjoni tal-alleanza militari kienet fl-Afganistan, l-attenżjoni qed tirritorna lura għad-difiża tat-territorju, l-aktar il-membri ġodda mil-Lvant tal-Ewropa wara l-intervent Russu fil-Krimeja.
Imma wara n-nuqqas tal-Unjoni Ewropea li tikkontrolla s-sitwazzjoni fil-Mediterran, l-attenżjoni issa tul in-Nofsinhar tal-Ewropa fejn fost l-oħrajn membru ewlieni, it-Turkija, taqsam fruntiera kemm mal-Iraq kif ukoll is-Sirja. Barraminhekk, issa wieħed irid iżid il-preżenza militari Russa fis-Sirja.
Attenżjoni fil-manuvri se tingħata lil dik magħrufa bħala spearhead force, forza ta’ 5,000 suldat li tista’ tidħol fl-azzjoni f’anqas minn ġimgħa u li mistennija tkun lesta biex tintuża s-sena d-dieħla għalkemm m’hemmx qbil dwar fejn tista’ tintuża.