Internazzjonali

Mewta misterjuża ta’ eksġurnalista tal-BBC

Hemm misteru dwar x’wassal għall-mewt ta’ Jacqueline Anne Sutton, eksġurnalista Ingliża tal-BBC, li nstabet mejta fil-kamra tal-banju tal-ajruport ta’ Ataturk f’Istanbul.
Il-mezzi tal-media fit-Turkija qed jispekulaw li din qatlet ruħha b’idejha bil-lazzijiet taż-żarbun imma dan mhux qed jikkonvinċi lil dawk li kienu jafuha u li qed jissuspettaw li hi nqatlet.
Il-BBC min-naħa tagħha kienet kawta ħafna kif irrappurtat il-mewta.
Sutton, li kellha 50 sena, kienet waslet f’Istanbul is-Sibt u skont il-media Torka tilfet titjira li kellha tieħu lejn Irbil fl-Iraq. Qed jintqal li din ma kellhiex flus biżżejjed biex tixri biljett ieħor u wara sagħtejn instabet mejta. Skont xi rapporti Torok, dan seħħ għaliex ma kellhiex flus.
Imma ġurnalisti Ingliżi fakkru li Sutton kienet mara li rrappurtat fl-agħar gwerer ta’ dawn l-aħħar snin, fosthom l-Afganistan u l-Iraq, u issa kienet l-aġent direttur għall- Institute for War and Peace Reporting (IWPR) ibbażat Londra. Id-direttur tal-IWPR fl-Iraq, Ammar Al Shahbander, kien inqatel f’karozza bomba f’Bagdad f’Mejju li għadda flimkien ma’ 17-il persuna oħra.