Ekonomija Kunsilli Lokali Lokali

100 kelma biss iddedikati għall-Kunsilli fil-Budget 2016

Fid-diskors tal-Budget, twil aktar minn sagħtejn u nofs, il-Kunsilli Lokali ġew imsemmija biss b’100 kelma, li fihom ma kien trattat imkien b’mod serju s-suġġett tal-Finanzjament, li hu l-aktar importanti għall-funzjonijiet tal-Kunsilli.

Dan qalu l-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) fi stqarrija b’reazzjoni għall-Budget 2016, ippreżentat mill-Gvern Laburista il-ġimgħa li għaddiet. Il-KKLPN sostna li għal darb’oħra, il-Gvern Laburista għażel li jinjora l-karba tal-Kunsilli Lokali kollha Maltin u Għawdxin, tant li kulħadd jikkonferma li l-ebda Kunsill ma hu kuntent bil-finanzi allokati lill-Kunsilli ħalli jagħmel proġetti pożittivi fil-lokalità tiegħu.

Jidher biċ-ċar li għal darb’oħra, dan il-Budget isaħħaħ il-pjan Laburista dwar il-Kunsilli li jnaqqar ftit ftit mid-diċentralizzazzjoni li tant ħadem għaliha Gvern Nazzjonalista u jerġa’ jiċċentralizza l-poter taħt il-Gvern Ċentrali jew entitajiet maħluqha minnu. Il-KKLPN fakkar kif ħafna mill-affarijiet importanti għall-ħidma tal-Kunsilli Lolkali ġew injorati u l-Gvern għoġbu biss jagħti l-ftit lill-Kunsilli.

Fl-istqarrija tiegħu, il-KKLPN stieden mill-ġdid lill-Gvern biex jistudja b’serjetà l-qagħda kritika li jinsabu fiha l-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali llum, filwaqt li jaħdem fuq pjan serju ta’ kif jista jiġġenera proċessi serji u sostenibbli kif il-Kunsilli Lokali jiġu awtonomi u awtosuffiċjenti.