– il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-replika tal-PM fil-Parlament ilbieraħ għall-baġit
“Diskors ta’ ħafna blaff imma bla ebda sustanza ta’ xejn”.
B’din il-frażi l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ ġabar fi ftit kliem ir-reazzjoni tiegħu ftit wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament għamel ir-replika tiegħu għad-diskors li għamel l-istess Simon Busuttil il-ġurnata ta’ qabel b’risposta għall-Baġit 2016.
F’kummenti lill-ġurnalisti malli l-PM spiċċa l-indirizz tiegħu fil-Parlament, Simon Busuttil qal li fid-diskors aggressiv tiegħu l-Prim Ministru Muscat baqa’ jirrifjuta li jraħħas id-dawl, jirrifjuta li jraħħas il-petrol u d-diesel, ma semmiex imqar darba l-ambjent, ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni konkreta għall-problema gravi tat-traffiku u ma wieġeb għall-ebda skandlu li hu semma fir-risposta għall-baġit nhar it-Tnejn filgħaxija.
Il-Prim Ministru ma wieġeb għall-ebda sfida u fid-diskors tiegħu, jekk tagħsru ma ssib l-ebda sustanza jew soluzzjoni għal dak kollu li qed jitkellmu fuqu n-nies.
“Kien diskors li juri li l-Prim Ministru żgur li mhux umli u għandu rasu iebsa”, qal Simon Busuttil waqt li elenka lista ta’ stqarrijiet li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament li mhuma xejn ħlief gidba wara l-oħra.
Mhu minnu xejn li l-Gvern naqqas id-dejn, kif mhux minnu lanqas dak li qal Muscat li pajjiżna ma kellux kredibbiltà fl-Ewropa.
Mhux minnu lanqas li kif qal il-Prim Ministru f’dan il-baġit kienet l-ewwel darba li l-pensjonijiet żdiedu f’għoxrin sena, kif mhux minnu lanqas li nħolqu setturi ġodda għax is-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija huma setturi li nħolqu minn Gvern Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni nnota li l-PM struttura t-tweġiba tiegħu b’mod li jwieġeb għal dak li qal hu, biex jirribatti dak kollu li qal, u dan hu sinjal ċar li l-Oppożizzjoni qed tkun effettiva u qed jirnexxielha tissettja l-aġenda.
Meta tagħsar kollox, id-diskors ta’ sagħtejn ta’ Joseph Muscat kien nieqes mill-umiltà filwaqt li kien fih ħafna ebusija tar-ras, sostna Simon Busuttil.
//= $special ?>
