Sajjied li kien qed jistad fuq dgħajsa żgħira barra xtajta fl-Ingilterra, qabad ħafna iktar milli kien qed jistenna.
Kien qed jistad daqs nofs mil ’il barra minn xtajta popolari f’Dorset, li fiha kien hemm jgħumu n-nies u xi għaddasa taħt il-baħar, meta kelb il-baħar, twil it-tul ta’ bniedem, daħal għan-nassa tiegħu.
Is-sajjied żagħżugħ żamm il-kelb il-baħar, tat-tip porbeagle, imqabbad mal-ganċ u rnexxielu jidħol bid-dgħajsa sax-xtajta, ikaxkar il-ħuta kbira. Mad-daqqa t’għajn, xi wħud ħasbu li kien qed ikaxkar surfboard minħabba d-daqs tal-ħuta u ħafna twerwru li kienu qed jgħumu daqshekk fil-qrib ta’ annimal ta’ dan it-tip.
Is-sajjied irnexxielu jtella’ lill-kelb il-baħar fuq iċ-ċagħaq imma laħaq miet qabel ittella’ l-art. Hu tal-istess familja ta’ klieb il-baħar bħal dak imsejjaħ Great White imma mhux meqjus għadu tal-bniedem.
Hu meqjus l-iktar speċi komuni tal-klieb il-baħar jgħumu fil-baħar madwar l-Ingilterra, flimkien ma’ dawk ta’ lewn blu imma fl-istorja s’issa ġew irrappurtati tliet attakki biss minn din il-ħuta fuq il-bniedem, u l-ebda attakk ma kien fatali.
//= $special ?>