Jammetti iżda li n-nuqqasijiet rappurtati fit-trasport pubbliku jinkludu l-andament tar-rotot, il-kundizzjoni tal-karozzi tal-linja, in-nuqqas ta’ informazzjoni fuq bus stops u nuqqasijiet mix-xufiera
Id-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratt miftiehem mal-kumpanija Spanjola Autobus de Leon qed isservi ta’ paraventu għall-Gvern biex ma jweġibx mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar t-trasport pubbliku minħabba li jekk iwieġeb jinkixfu d-dettalji tal-ftehim iffirmat li l-Gvern jibqa’ jgħid li mhux il-mument opportun li jippubblika l-kuntratt.
Mistoqsijiet li ressqet ix-Shadow Minister Marthese Portelli fil-Parlament lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, ma setgħux ikunu mwieġba minħabba li l-Ministru baqa’ jirreferi għall-kuntratt iffirmat li l-Gvern jibqa’ jgħid li jippubblikah biss fil-mument opportun.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport staqsiet lill-Ministru Mizzi jgħid x’informazzjoni hemm disponibbli għalih mill-kumpanija privata li llum qed tmexxi t-trasport pubbliku bħala l-Ministru responsabbli mit-trasport. Kien mitlub ukoll jgħid x’inhuma l-obbligi li għandha l-kumpanija privata inkarigata mis-servizz tat-trasport pubbliku preżenti, u jistax jgħid għaliex tista’ tiġi ppenalizzata u x’inhuma l-penalitajiet u l-multi li għandhom jiġu imposti fuqha jekk kemm-il darba jkun hemm xi nuqqas.
Il-Ministru Mizzi qal li l-informazzjoni li hija disponibbli mill-kumpanija privata li llum hemm tmexxi t-trasport pubbliku, hija informazzjoni li toħroġ mir-rekwiżiti tal-kuntratt li jirrigwarda s-servizz tat-trasport pubbliku, liema kuntratt ser jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ħin opportun.
Marthese Portelli talbet ukoll lill-Ministru jgħid kemm-il nuqqas ġie rrappurtat s’issa u x’kienu dawn in-nuqqasijiet.
Il-Ministru Mizzi qal li li n-nuqqasijiet li ġew innutati jvarjaw, u jinkludu l-andament tar-rotot, il-kundizzjoni tal-karozzi tal-linja, in-nuqqas ta’ informazzjoni fuq bus stops u nuqqasijiet mix-xufier.
Mistoqsija oħra trattat ix-xufiera tal-karozzi tal-linja u dwar ir-risposta li ngħatat ix-Shadow Minister dwar jekk dawk li jitilfu l-break peress li jinqabdu fit-traffiku, jiġux ikkumpensati. Wara li t-tweġiba kienet li l-kumpanija li llum tmexxi t-trasport pubbliku hi waħda privata u għaldaqstant l-informazzjoni mhix disponibbli, Marthese Portelli staqsiet jistax il-Ministru jgħid x’passi qed jieħu sabiex jassigura li l-ħaddiema mhumiex qed jiġu sfruttati, u jekk ġiex avviċinat minn xi persuna fejn infurmatu li x-xufiera tal-karozzi tal-linja li jinqabdu fit-traffiku u jitilfu l-break mhux qed jiġu kkumpensati.
Il-Ministru Joe Mizzi wieġeb biss li l-informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, hi li l-kumpanija qiegħda timxi mal-ftehim kollettiv li hemm fil-preżent.
Il-Ministru Mizzi qal ukoll li ma nbidel xejn u l-ebda klawsola mill-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola.
//= $special ?>