Lokali

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil se jindirizza s-Summit tal-PPE f’Madrid

Għada filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jħalli Malta lejn Madrid fejn għada filgħaxija se jkun qed jindirizza l-Kungress Statutorju tal-Partit Popolari Ewropew.

Simon Busuttil huwa wieħed mill-kelliema ta’ dan il-Kungress li matulu jiġu eletti l-President tal-PPE, 10 Viċi Presidenti, it-Teżorier kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew.

Fuq l-aġenda ta’ dan il-Kungress hemm it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fuq livell Ewropew, kif ukoll l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ suq wieħed diġitali. Il-Kungress mistenni jindirizza wkoll id-diversi sfidi li qed jiffaċċja l-kontinent Ewropew mal-fruntieri tiegħu, f’kelma oħra l-immigrazzjoni.

Minbarra minn Simon Busuttil, il-Kungress tal-PPE se jkun indirizzat ukoll fost l-oħrajn mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, mill-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy u mill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel.

Is-sena li għaddiet, Simon Busuttil, ftit wara li nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien indirizza Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Dublin.