Il-Partit Liberali ta’ Justin Trudeau kiseb rebħa deċiżiva u pjuttost sorprendenti fl-elezzjoni ġenerali tal-Kanada. B’din ir-rebħa, il-Liberali temmew kważi għaxar snin ta’ tmexxija mill-Konservattivi waqt li għelbu kull pronostiku, meta ftit kienu dawk li bassru rebħa fuq skala hekk kbira.
Il-Liberali taċ-Ċentru kienu bdew il-kampanja elettorali bħala t-tielet l-akbar forza politika fil-Kanada, iżda rnexxielhom jaqilbu l-folja, tant li rebħu l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ voti. Dan ukoll wara l-itwal kampanja elettorali fl-istorja tal-pajjiż.
Justin Trudueau, li missieru, l-eks-Prim Ministru Pierre Trudeau (illum mejjet) hu magħruf bħala missier il-Kanada moderna, indirizza lis-sostenituri ftit wara l-konferma tar-rebħa u qal li l-Kanadiżi bagħtu messaġġ ċar li kienu vvutaw għal ‘bidla ta’ veru’.
Sadanittant, Stephen Harper, li kien ilu Prim Ministru tal-Kanada mill-2006, ammetta t-telfa u fl-aħħar sigħat irriżenja minn Kap tal-Partit Konservattiv.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-Liberali se jkollhom 184 fost it-338 deputat fil-Parlament – jiġifieri 14 aktar milli jeħtieġu għall-maġġoranza. Dan jirrappreżenta qabża kbira mis-36 deputat li kienu tellgħu fl-2011 meta l-Liberali kienu sofrew l-agħar riżultat elettorali fl-istorja tal-partit.
Fl-istess ħin, il-Liberali qed jiktbu l-istorja bħala l-ewwel partit Kanadiż li qatt ‘qabeż mit-tielet għall-akbar partit’, fil-Parlament.
//= $special ?>