Il-limitu tal-veloċità f’Ħ’Attard għadu 50km

Il-limitu tal-veloċità tal-ispeed camera fi Triq in-Nutar Zarb għadu fil-livell ta’ 50 kilometru. Dan wara tħassib minn numru ta’ sewwieqa li l-limitu tal-veloċità seta’ tniżżel għal 30 kilometru.

Fuq il-grupp tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, xi sewwieqa esprimew tħassib wara li fl-inħawi tal-ispeed camera intlemħu tabelli li kienu qed juru s-sinjal ta’ “30 km” bħala limitu.

Netnews.com.mt għamel kuntatt mas-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina li spjega li wara l-kummenti tas-sewwieqa, il-Kunsill Lokali talab kjarifika għalfejn kienu twaħħlu t-tabelli tat-30 kilometru, u jekk l-ispeed camera kinitx ġiet kalibrata b’mod li tieħu r-ritratti meta jinqabżu t-30 kilometru.

Is-Sindku spjega li l-awtoritajiet fissru li t-tabelli twaħħlu biss minħabba l-proġett tal-għargħar li għaddej fl-inħawi, bħala miżura żejda ta’ prekawzzjoni għas-sewwieqa. Dan ifisser li l-kamera għadha kalibrata għall-massimu ta’ 50 kilometru.