Internazzjonali

Il-maltemp għadu joħloq problemi kbar fl-Italja

L-iskwadri għall-emerġenzi Taljani komplew jaslu fl-inħawi ta’ Benevento biex jgħinu lir-residenti, meta l-maltemp kontinwu baqa’ jħalli l-effett tiegħu fir-reġjun ta’ Campania.

Il-membri tad-dipartiment għall-protezzjoni ċivili qed jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli, u l-awtoritajiet reġjonali ta’ Campania qed jappellaw biex il-Gvern Taljan jiddikjara stat ta’ emerġenza għar-reġjun.

Dan wara li l-awtoritajiet reġjonali diġà allokaw b’urġenza xi miljun ewro għall-impenji ta’ fejda, filwaqt li l-maltemp mistenni jkompli tant li l-iskejjel tal-lokalità mhumiex mistennija jiftħu fil-kumplament tal-ġimgħa.

L-aħħar xita wasslet biex ix-Xmara Calore tifqa’ l-art u tgħarraq iz-zoni baxxi ta’ Benevento. L-istess zoni kienu effettwati mill-għargħar il-ġimgħa l-oħra wkoll, bir-riżultat li mietu mill-inqas żewġ anzjani fl-inħawi.