Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech kitbet lill-Ministru Edward Zammit Lewis dwar il-kummenti dispreġġjattivi li qal fil-konfront tagħha waqt Xarabank tal-Ġimgħa li għadda, fejn sostniet li dan kien attentat biex joskura r-reputazzjoni professjonali u politika tagħha.
L-Avukat Fenech qalet li waqt il-programm, meta l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kien qed jirreferi għall-konsulenzi li qed jingħataw lil persuni magħżula mill-Partit Laburista bla kwalifiki ta’ xejn, il-Ministru għażel li jsemmiha aktar minn tmien darbiet.
Zammit Lewis implika li Ann Fenech kienet ingħatat konsulenzi b’valur ta’ €600,000 u li kienet ingħatat dawn il-konsulenzi għax kienet il-President tal-Partit Nazzjonalista.
Ann Fenech sostniet li qatt ma rċieviet ebda konsulenzi mill-ebda Ministeru, li d-ditta Fenech & Fenech mhijiex tagħha iżda hi soċja fiha flimkien ma’ oħrajn, kif ukoll li bejn l-2008 u l-2012 id-ditta ħadmet fuq erba’ privatizzazzjonijiet tat-Tarzna ta’ Malta.
Jirriżulta li l-Kap tal-Privitisation Unit Manwel Ellul kien mar għandha personalment kmieni fil-proċess minħabba l-esperjenza estensiva tagħha fis-suġġett, kif ukoll għax kien qalilha li ried jevita li tiġi ngaġġata minn bidders fil-proċess minħabba li ried li hi taħdem għall-Privatisation Unit.
L-Avukat Fenech kompliet tispjega li kienet giet ingaġġata ukoll biex tassisti lill-Avukat Ġenerali fil-kawża li kienet fetħet il-Kummissjoni Ewropea kontra Malta dwar l-għotja ta’ Public Service Obligation Contract lill-Gozo Channel, li Malta kienet rebħet bl-ispejjeż. Ann Fenech kienet intalbet tmexxi l-Inkjesta Marittima dwar l-għajbien tal-bastiment tas-sajd Simshar, li ħalla erba’ persuna mejta.
Ix-xogħol li sar f’dawk is-sitt snin sar minn 12-il Avukat minn Fenech & Fenech Advocates, bil-pagament globali kien ta’ €464,111 u mhux €600,000, kif allega l-Ministru. Sostniet li dan il-pagament sar lid-ditta mhux lilha personalment, li saret President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista f’Ġunju 2013 u li waqt il-perjodu li fih sar dan ix-xogħol ma kienet tokkupa l-ebda kariga uffiċjali jew mhux uffiċjali fil-Partit.
Fl-istqarrija tagħha, Ann Fenech qalet li l-Ministru kien jaf sew bil-kredenzjali tagħha fis-settur marittimu, inkluż l-elezzjoni tagħha s-sena li għaddiet bħala Kunsillier Eżekuttiv tal-Kumitat Marittimu Internazzjonali, meta għall-ewwel darba Malti gie elett għal din il-pożizzjoni. Kien għalhekk li l-Avukat Fenech insistiet għal apologija mingħand il-Ministru talli pprova jħammġilha r-reputazzjoni tagħha.
//= $special ?>

