Il-Partit Liberali Kanadiż jidher li jinsab fi triqtu biex jikseb rebħa storika fl-elezzjoni ġenerali fil-Kanada hekk kif l-ewwel indikazzjonijiet juru li l-liberali, immexxija minn Justin Trudeau, jinsabu fuq quddiem f’191 distrett elettorali.
Skont in-networks Kanadiżi CBC u CTV, iben l-eks Prim Ministru Pierre Trudeau mistenni jifforma gvern ta’ maġġoranza. Il-Partit Konservattiv tal-PM attwali Stephen Harper, li kien qed imexxi l-pajjiz għal dawn l-aħħar 9 snin, jinsab fuq quddiem f’104 distretti elettorali.
Skont il-mezzi tax-xandir, l-ikbar tellief f’din l-elezzjoni hu l-Partit xellugi, Demokrazija Ġdida, li hu stmat li tilef terz mill-54 siġġu li kellu fil-Parlament fl-aħħar legislatura.
Ir-riżultat tal-Partit Liberali hu wieħed impressjonanti hekk kif mit-tielet forza fil-Parlament b’36 siġġu, issa rebaħ biżżejjed voti biex ikun jista’ jifforma Gvern waħdu. Partit għandu bżonn jirbaħ 170 siġġu fil-Parlament ta’ 338 biex jikseb maġġoranza assoluta.
RITRATT: AFP
//= $special ?>