Lokali

Filmat: Il-PM Joseph Muscat jibqa’ bla soluzzjoni – Simon Busuttil

Il-Prim Ministru Joseph Muscat bla soluzzjonijiet. Din kienet ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil fil-programm Newsfeed fuq Net Television wara d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li f’diskors ta’ saghtejn, il-Prim Ministru naqas li jwiegeb dwar l-iskandli u naqas li jaghti soluzzjonijiet.

Simon Busuttil qal li l-PN fid-dokument tiegħu enfasizza l-ħtieġa li l-iżvilupp ekonomiku jkun wieħed sostenibbli u li l-ġid jitqassam bejn kulħadd b’mod ġust. Il-politika li miexi biha Joseph Muscat hi ta’ infieq bl-addoċċ b’baġit li jagħti ftit lill-poplu imma jagħti ħafna lil tal-qalba.

Il-kap tal-Oppożizzjoni qal li fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru ma semma ebda proġett ta’ infrastruttura. U l-Prim Ministru gideb meta qal li d-dejn naqas.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru gideb meta qal li ma daħħalx taxxi. Għamel taxxa fuq it-turisti u fuq il-Maltin li jmorru f’lukandi. Biddel l-eco tax f’sisa biex se jintaxxa anke l-ilma.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru ammetta li jrid jibqa’ jixtri l-elettriku bi prezz għoli u jrid li dan jagħmluh ukoll gvernijiet futuri.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ma tkellem xejn dwar l-imġieba tal-Ministri, Simon Busuttil sostna l-wegħda tiegħu li sa tmiem is-sena jippubblika proposti għal politika nadifa, fosthom dwar kif isiru ħatriet pubbliċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, biex ma jirrepetux każi bħal dik tal-Premier, ta’ Gaffarena jew ta’ Identity Malta.

Simon Busuttil qal li kienet ipokresija min-naħa tal-Prim Ministru li minkejja l-wegħda ta’ trasparenza għadu jżomm sigrieti diversi kuntratti. Hu tradiment u ingann li qed idejjaq lill-Maltin u l-Għawdxin ġenwini anke dawk Laburisti li qed iħossuhom urtati bl-ateġġjament ta’ Joseph Muscat.

Simon Busuttil qal li hu jħossu responsabbli lejn il-poplu kollu u jrid li d-deċiżjonijiet li jieħu jkunu deċiżjonijiet meħuda b’sens komun.