Internazzjonali

Jingħaqdu familji separati mill-Gwerra tal-Korea

Mijiet ta’ nies mill-Korea t’Isfel reġgħu ltaqgħu ma’ qrabathom residenti fil-Korea ta’ Fuq Komunista għal riunjoni rari ta’ familji li ilhom separati minn żmien il-Gwerra Koreana tas-snin ħamsin.

Ir-riunjoni tikkonsisti f’sensiela ta’ laqgħat li jdumu ġimgħa u li qed ikunu organizzati f’resort fl-inħawi tal-Muntanja Kumgang mal-fruntiera li tissepara l-Korea ta’ Fuq mill-Korea t’Isfel. Eluf ta’ familji Koreani ilhom mifrudin mill-1953, is-sena meta spiċċat il-gwerra, u l-kuntatti ta’ bejniethom huma kważi ineżistenti jekk ma jkunux għal dawn l-inizjattivi rari.

Intant, l-inizjattivi jiddependu mill-istat tar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet rivali f’Seoul u Pyongyang. L-aħħar riunjoni ta’ familji Koreani qabel din preżenti tmur lura għal Frar tas-sena l-oħra.