Lokali

Joseph Muscat – It-traffiku żdied ghax it-toroq djiequ.

It-traffiku żdied għax it-toroq djiequ.

Id-dokument tal-baġit li ġie ppubblikat bi żball kien fih aktar ġid.

Pajjiżna ma kellux kredibilta’ ma’ pajjiżi Ewropej.

Dan huwa l-moviment ta’ Malta Taghna Lkoll.

Dawn huma biss ftit mid-dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat fir-replika tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil. Diskors ta’ sagħtejn li kien ikkaraterizzat minn attakki kontinwi u diretti fuq Simon Busuttil.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħabbar li se jmur l-Alġerija fil-ġranet li ġejjin, u għal darboħra, ftaħar li hu salesman, u mhux statesman.

Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni pprezenta ċ-ċifri ta’ kif żdied id-dejn u naqset l-esportazzjoni, l-Prim Ministru baqa’ jinsisti li l-esportazzjoni żdiedet. Hu qal li hu kburi li jiġi akkużat li jonfoq, basta fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

Hawnhekk Muscat ma semma xejn il-kritika qawwija li qed jiffaċċja dwar il-konsulenzi u pagi għolja li qed jingħataw dawk viċin tiegħu.

Il-Prim Ministru attakka wkoll lill-gazzetta The Sunday Times wara l-ezerċizzju li għamlet nhar il-Ħadd li għadda li wera kif 3 tipi ta’ familji minn erbgħa, marru agħar b’dan il-baġit mhux aħjar. Il-Prim Ministru qal li t-Times għandhom żball, u hu għandu raġun.

Minkejja li m’għamel ebda riferenza diretta għall-iskandlu tal-visas u l-permessi ta’ residenza, li hemm involuti l-eks kandidati Laburisti Joe Sammut u Joe Vella Bonnici, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar sentejn u nofs, ġew reġistrati 8 kumpaniji kuljum f’pajjiżna.

Waqt li kien qed jitkellem dwar il-benefiċċji soċjali, Muscat qal li jrid jiġġieled is-serq u l-abbużi.

L-għada li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil habbar li malli jkun Prim Ministru se jkun qed jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-irħas, il-Prim Ministru qal li dan ifisser li se jgħolew il-kontijiet – mingħajr ma spjega kif u għaliex.